L-NDSF tiġbor iktar minn €595M sa mill-bidu tagħha
Stqarrija mis-Segretarjat Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet
Waqt laqgħa li s-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat kellu flimkien mal-bord tal-Gvernaturi tal-Aġenzija għall-Fond Socjali u għall-Iżvilupp Nazzjonali fl-uffiċċji tagħhom f’Ħal Balzan, ġew diskussi d-diversi proġetti ta’ interess nazzjonali li l-NDSF se tkun qed tinvesti fihom.
Fiż-żmien li ġej, l-NDSF se tkun qed tinvesti f’aktar proġetti nazzjonali għall-ġid tal-komunità kollha. Fost dawn il-proġetti, is-Segretarju Parlamentari flimkien maċ-chairman tal-aġenzija s-Sur David Curmi kkonfermaw l-investiment bla preċedent f’proġett ambjentali innovattiv taħt il-kunċett ta’ ‘Green & Blue Infrastructure’ fejn se tingħata għajnuna finanzjarja ta’ madwar €4 miljun sabiex jitwettqu proġetti ta’ ‘urban greening’ f’żoni urbani madwar Malta sabiex titjieb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti fil-lokalitajiet tal-Mosta, il-Ħamrun u Ħal Qormi.
L-ewwel bord ta’ Gvernaturi tal-NDSF kien appuntat f’Settembru 2015. Il-Fond Socjali u għall-Iżvilupp Nazzjonali (NDSF) huwa aġenzija tal-gvern li twaqqfet fis-6 ta’ Jannar 2015, mil-Leġislazzjoni Sussidjarja 188.03.
L-għan ta’ din l-aġenzija huwa li tikkontribwixxi fi proġetti kbar ta’ importanza nazzjonali u tassisti fi proġetti u inizjattivi li huma ta’ interess pubbliku u li jgħinu fi promozzjoni, fl-edukazzjoni, fir-riċerka, fl-aspetti soċjali, fl-innovazzjoni, fil-ġustizzja u s-saltna tad-dritt, inizjattivi ta’ xogħol, l-ambjent u s-saħħa pubblika.
Is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat sostna li dan il-fond twaqqaf lura fl-2015 sabiex isiru investimenti soċjali fil-komunitajiet ta’ pajjiżna li jrendu għal żmien twil. Enfasizza li dawk il-fondi li ġew imġemmgħin minn investiment dirett barrani bis-saħħa tal-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment jkompli jrendi bil-għaqal. Is-Sur Muscat saħaq li se jara li dan il-fond ikompli jissaħħaħ u jikber sabiex ikompli jikkontribwixxi f’investimenti diversi, li jkomplu jagħmlu ġid kbir fil-komunitajiet tagħna. Dan anke hekk kif ftit tal-ġimgħat ilu tħabbar li l-Aġenzija Komunità Malta se tkun qed tamministra r-Regolamentazzjoni ġdida ta’ Residenza, li se jara li jattira l-aqwa investiment u talent lejn pajjiżna.
“Kommessi li fiż-żmien li ġej, inkomplu naħdmu sabiex nagħtu aktar viżibilità tal-ġid siewi li qed iħalli u jagħmel dan il-fond fil-ħajja tan-nies tagħna. Dan apparti mid-diversi proġetti u inizjattivi li diġà saru fil-passat u li ħallew il-frott mixtieq f’pajjiżna,” qal is- Segretarju Parlamentari Muscat.
Is-Segretarju Parlamentari fakkar li bis-saħħa ta’ investimenti li ħarġu minn dan il-fond, għaqdiet non-governattivi bħalma hi l-Caritas gawdiet minn €1.5 miljun f’għotja diretta sabiex isir xogħol ta’ tkabbir u rinovazzjoni fil-faċilitajiet tagħha, fejn tkompli tilqa’ u tgħin lil dawk vulnerabbli fis-soċjetà. Mill-fondi ddepożitati fil-Fond Socjali u għall-Iżvilupp Nazzjonali (NDSF), tħabbru proġetti ta’ investiment ta’ madwar €91.5 miljun fl-oqsma tas-saħħa, tal-akkomodazzjoni soċjali, u tal-isport, fost oħrajn. Saru investimenti ta’ madwar €950,000 f’cathsuites fis-sezzjoni tal-kardjoloġija fl-isptar Mater Dei, kif ukoll rinovazzjoni ta’ diversi ċentri tas-saħħa u bereġ madwar Malta u Għawdex sabiex tingħata kura xierqa ta’ saħħa lil kulħadd.
F’konferenza tal-aħbarijiet ftit tal-jiem ilu, tħabbar ukoll ftehim bejn il-Gvern Malti u l-Fondazzjoni Puttinu Cares li seta’ jimmaterjalizza għax il-gvern seta’ jagħti s-sostenn tiegħu permezz tal-Fond Soċjali u għall-Iżvilupp Nazzjonali. Tħabbar li meta jiġi ffirmat il-konvenju għax-xiri tal-proprjetà, il-fond se jgħaddi €5 miljun lill-Puttinu flimkien ma’ pagamenti oħrajn li se jagħmlu tajjeb għall-użu tal-appartamenti mill-familji tat-tfal li jirrekjedu l-kura fl-Ingilterra.
Fi Frar ta’ din is-sena, inxtrat opra tal-arti impittra mill-artist Mattia Preti li kompliet issawwar il-Kollezzjoni Nazzjonali. ‘Boezju u l-Filosofija’ taqa’ taħt il-kura ta’ Heritage Malta. L-akkwist tal-opra għas-somma ta’ €1.3 miljun ġie ffinanzjat mill-Fond Soċjali għall-Iżvilupp Nazzjonali. Dan l-akkwist wera l-impenn tal-Gvern lejn il-ħarsien u t-tisħiħ tal-wirt artistiku u kulturali ta’ pajjiżna.
Iċ-chairman tal-Bord tal-Gvernaturi tal-NDSF is-Sur David Curmi tenna li din l-aġenzija se tara li tkompli tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ servizzi pubbliċi aħjar, li tappoġġja l-intrapriżi u n-negozji fit-titjib tal-kompetittività tagħha u li tippromwovi r-riċerka u l-iżvilupp fi kwistjonijiet li jwasslu għall-interess pubbliku. Is-Sur Curmi tenna li l-għajnuna li tingħata mill-investimenti li jsiru mill-NDSF jolqtu firxa wiesgħa tal-ħajja u jgħin lill-gruppi varji fi ħdan is-soċjetà.
L-għan ta’ din l-aġenzija huwa li tgħin ukoll lill-partijiet interessati biex iwasslu proġetti soċjali, ta’ opportunitajiet ta’ xogħol u proġetti edukattivi u li trawwem inizjattivi li jappoġġjaw riformi u governanza aħjar. L-aġenzija se tara wkoll li tkompli tappoġġja miżuri għat-titjib tal-ġustizzja u l-effiċjenza tal-ġustizzja. Ħidma wkoll li trawwem inizjattivi li jinkoraġġixxu l-ugwaljanza bejn is-sessi, il-prevenzjoni tad-diskriminazzjoni u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem.
L-aġenzija kommessa li tkompli tgħin f’inizjattivi sabiex tipprovdi għall-ħtiġijiet ta’ akkomodazzjoni soċjali u sabiex tiġġieled l-esklużjoni soċjali. Dan anke filwaqt li tagħti sostenn għal inizjattivi ta’ titjib fis-servizzi tas-saħħa, fil-kura tas-saħħa u kura għall-anzjani. “Il-viżjoni tagħna se tkun li nkomplu noħolqu inizjattivi għall-benefiċċju tal-ġenerazzjonijiet futuri,” sostna s-Segretarju Parlamentari Muscat.
Is-Segretarju Parlamentari Muscat kkonkluda billi awgura l-ħidma t-tajba u pożittiva lill-membri tal-bord, filwaqt li rringrazzjahom tax-xogħol siewi li għamlu f’dawn l-aħħar snin. “Konvint li d-diretturi tal-bord ta’ din l-aġenzija għandhom kapaċitajiet differenti li jikkumplimentaw lil xulxin,” huwa temm jgħid.