Bidla fi Spirtu Pożittiv ta’ Governanza Tajba
Stqarrija mis-Segretarjat Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet
Il-Gvern se jkun qed jemenda l-avviż legali li jippermetti lill-Ministru jżomm mill-pubblikazzjoni ta’ xi isem ta’ persuna li tkun kisbet iċ-ċittadinanza jekk tinħass il-ħtieġa f’każi straordinarji.
Pajjiżna hu l-uniku wieħed li jippubblika l-ismijiet ta’ dawk li ħadu ċ-ċittadinanza, u issa se jibda jippubblika wkoll ta’ dawk li ġew privvati miċ-ċittadinanza Maltija. Dan f’sinjal ieħor ta’ trasparenza.
Din il-klawżola kienet maħsuba għal ċirkostanzi straordinarji ħafna li mhux bilfors ikunu marbuta maċ-ċittadinanza bil-mertu. Fid-dawl li din il-klawsola tista’ tkun interpretata bħala li titfa’ ċertu dubju fuq ix-xogħol kbir li sar biex tissaħħaħ it-trasparenza, il-Gvern ta’ widen u qed jieħu nota tat-tħassib li tqajjem u se jkun qed ineħħiha mill-avviż legali.
Il-bidliet kollha li saru tħejjew fi spirtu pożittiv ta’ governanza tajba u tisħiħ ta’ programm li ħalla ġid kbir lill-poplu Malti.