Il-Gvern Itaffi l-Piżijiet tal-Ħruq tan-Nar fil-Festi

9/02/2021 | Inizjattivi

Stqarrija mill-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi u mis-Segretarjat Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet

Permezz tal-Aġenzija Komunità Malta, li tmexxi l-programm ta’ residenza li jista’ jwassal għaċ-ċittadinanza, il-gvern se jgħin lill-organizzaturi tal-festi biex itaffu l-piż marbut mal-ħruq tan-nar fil-festi tal-ibliet u l-irħula Maltin u Għawdxin.

Riżultat tal-ftehim, maqbul mal-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda u l-Għaqda Piroteknika Maltija, fil-ġimgħa tal-festa, u jiem oħra tradizzjonalment marbuta mal-istess festa, l-organizzaturi tal-festa ma jħallsux għall-iskorti tan-nar. Il-ftehim jaħseb għal massimu ta’ tmien darbiet meta jkun hemm bżonn skorta u se jkun imħaddem mill-għaqdiet li jirrappreżentaw lill-istess organizzaturi. Il-ftehim għandu valur ta’ €100,000 fis-sena u se jkun qed japplika għat-tliet snin li ġejjin.

F’laqgħa bejn il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri, is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat u l-istess għaqdiet ġie spjegat kif il-gvern għandu kull ħsieb li jkompli jsostni l-festi li huma meqjusa bħala parti mill-kultura Maltija. Fil-fatt, hekk għamel b’diversi inizjattivi tul l-aħħar snin u hekk se jkompli jagħmel fiż-żmien li ġej.

Il-Ministru Byron Camilleri qal li, “Filwaqt li ridna nirranġaw is-sistemi tal-‘extra duty’ fil-Korp tal-Pulizija bil-għan li l-ħaddiem jieħu kundizzjonijiet aħjar u s-sistema taħdem b’mod iktar professjonali, konna nafu mill-ewwel li ridna ngħinu lill-għaqdiet tal-festi jtaffu l-piż. Fl-aħħar mill-aħħar fassalna skema li għandha l-appoġġ ta’ dawk kollha involuti.”

Is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat qal li, “L-Aġenzija Komunità Malta tappoġġja diversi inizjattivi li jsaħħu jew iżommu ħaj dak li tagħmel il-komunità Maltija u din hi waħda minnhom. Kien naturali li ngħinu wkoll il-festi Maltin f’perjodu fejn nifhmu li l-pandemija ħalliet ċertu impatt bl-għeluq tal-post fejn jiltaqgħu ħafna soċjetajiet u anke b’daqqa fuq il-volontarjat minħabba li nbidel il-mod kif nirrelataw ma’ xulxin. Fi żmien li ġej l-istess għaqdiet se jibqgħu jsibuna ta’ spalla magħhom.”

Il-ministru u s-segretarju parlamentari spjegaw kif filwaqt li miljuni ta’ ewro mill-fond ta’ dak li kien il-programm ta’ ċittadinanza b’investiment qed ikunu investiti f’oqsma kruċjali bħas-saħħa u l-ambjent, inizjattivi bħal din li qed tappoġġja Komunità Malta wkoll huma importanti.

L-avukat Noel Camilleri, President tal-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda, irrefera għad-diskussjonijiet u qal li, “Flimkien ressaqna l-problemi li kienu qed jerġgħu jaffaċċjaw l-għaqdiet fl-organizzazzjoni tal-festi u tal-piroteknika. L-għaqda tawgura li l-ħidma volontarja tas-soċjetajiet tal-banda u l-kmamar tal-piroteknika tibqa’ tingħata r-rikonoxximent mistħoqq u dan għaliex fost affarijiet oħra dawn għandhom sehem importanti mhux biss fil-qafas kulturali ta’ pajjiżna, imma anke dak edukattiv u soċjali fl-ibliet u l-irħula tagħna.”

Josef Camilleri, President tal-Għaqda Piroteknika Maltija, qal li, “Inħossuna kuntenti li issa l-festi kollha mingħajr distinzjoni ser ikollhom tmien skorti b’xejn u li min ma jużahomx it-tmienja għall-festa, jista’ juża li jibqa’ għall-Festi Liturġiċi.”

PR210286