Jidħol fiċ-Ċirkolazzjoni Dokument ta’ Residenza Ġdid għaċ-Ċittadini tal-UE, tal-Iżvizzera u tal-Membri fiż-ŻEE

1/04/2021 | Uncategorized

Stqarrija mis-Segretarjat Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet

Ċittadini tal-Unjoni Ewropea, Żvizzeri, u dawk tal-pajjiżi membri fl-EEA, kif ukoll il-membri tal-familja tagħhom li jeżerċitaw id-dritt ta’ tal-moviment liberu, se jibdew jingħataw dokument ta’ residenza ġdid li huwa aktar sigur. Bil-fażi tal-produzzjoni ta’ din il-kard issa kompluta, l-Aġenzija Identity Malta se tintroduċi b’mod gradwali dan id-dokument uniformi ġdid.

Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat faħħar l-isforzi ta’ Identity Malta dwar l-immaniġġjar tal-identità taċ-ċittadini kollha residenti f’Malta u Għawdex. Żied jgħid li għal darb’ oħra, l-Aġenzija Identity Malta qiegħda fuq quddiem nett sabiex tipproteġi liċ-ċittadini mis-serq tal-identità u l-frodi.

L-introduzzjoni ta’ dan id-dokument il-ġdid isegwi t-tnedija tal-permess ta’ residenza ġdid maħruġ lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi s-sena li għaddiet u l-introduzzjoni riċenti tal-ġenerazzjoni l-ġdida tal-Karta tal-Identità u l-Passaport. B’hekk, fl-aħħar sena u nofs l-Aġenzija Identity Malta bidlet id-dokumenti ta’ identità kollha bil-għan li tħares iktar l-identità tal-individwu quddiem it-theddida tal-iffalsifikar tad-dokumenti u s-serq tal-identità.

Minbarra l-bidliet estetiċi li saru fid-dokument, il-karta l-ġdida tinkorpora fiha saffi ta’ karatteristiċi ta’ sigurtà sofistikati ħafna li jagħmluha diffiċli ħafna li wieħed jiffalsifika jew ibagħbas. Fil-fatt, id-dettalji personali tad-detentur huma mnaqqxa bil-laser fuq karta polycarbonate, u l-informazzjoni bijometrika titpoġġa b’mod sigur fuq ċippa contactless. Barra minn hekk, il-kodiċi tal-pajjiż tal-istat membru li joħroġ id-dokument huma stampati fuq quddiem.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Identity Malta Anton Sevasta spjega li l-karta l-ġdida se tkun qed tinħareġ għal applikazzjonijiet ġodda jew ta’ dawk ta’ tiġdid, filwaqt li dawk il-kards eżistenti li jinsabu fiċ-ċirkolazzjoni se jibqgħu validi sad-data ta’ skadenza mniżżla fuq id-dokument.

Id-dokument ta’ residenza ġdid huwa konformi mar-Regolament tal-UE 2019/1157, fejn l-istati membri huma mitluba li jibdew joħorġu dan id-dokument mit-2 ta’ Awwissu 2021. Hekk kif mitlub bil-liġi, dawk l-applikanti għal dan id-dokument iridu japplikaw wara tliet xhur ta’ residenza, il-fatt li ma jkollhomx dan id-dokument ma jnaqqas xejn mid-drittijiet tagħhom skont il-moviment ħieles.

PR210628