Reviżjoni tar-Reġistru Elettorali għall-Elezzjoni Ġenerali

19/05/2021 | Avviżi

Stqarrija mill-Uffiċċju Elettorali

Il-Kummissjoni Elettorali tfakkar lil kull min kien kwalifikat biex ikun reġistrat bħala votant fil-31 ta’ Marzu, 2021, dwar l-importanza li jivverifika li ismu/isimha u l-partikolaritajiet tiegħu/tagħha jidhru fir-reġistru elettorali rivedut ippubblikat fit-30 ta’ April, 2021.

Dawk il-persuni li saru ċittadini ta’ Malta b’naturalizzazzjoni jew b’reġistrazzjoni u dawk li għandhom ċertifikat ta’ ċittadinanza doppja għandhom id-dritt ikunu reġistrati bħala votanti f’dan ir-reġistru jekk, fil-31 ta’ Marzu, 2021, kellhom il-kwalifiki meħtieġa skont il-Kostituzzjoni ta’ Malta u skont l-Att dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali (Kap. 354). Għalhekk, dawn il-persuni huma mħeġġa jivverifikaw li jidhru bħala votanti fl-imsemmi reġistru.

Min ma ġiex inkluż f’dan ir-reġistru, avolja ma jkunx għamel applikazzjoni qabel lill-Kummissjoni Elettorali għal dan l-għan, jew li xi partikolaritajiet tiegħu kif jidhru fir-Reġistru jeħtieġu korrezzjoni, jista’ jippreżenta appell lill-uffiċjal reviżur sa nhar il-Ġimgħa l-21 ta’ Mejju, 2021, sabiex jitlob li ismu jiddaħħal f’dan ir-reġistru. Kull min jixtieq jippreżenta appell jista’ jikseb għajnuna mill-Uffiċċju Elettorali, Evans Building, Triq il-Merkanti, il-Belt Valletta jew mill-Uffiċċju tal-Karta tal-Identità, 28A, Pjazza San Franġisk, ir-Rabat, Għawdex.

PR210935