Jirritorna l-Malta International Airshow

Aug 10, 2021 | Inizjattivi

Stqarrija mill-Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur u mis-Segretarjat Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet

Għal darb’oħra se tittella’ l-Malta International Airshow bejn il-25 u s-26 ta’ Settembru.

Dan l-avveniment se jkun qed isir tul il-kosta ta’ San Pawl il-Baħar filwaqt li se jkun qed isir l-istatic display f’park 4 tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. F’din l-edizzjoni se jkunu qed jipparteċipaw tmien pajjiżi differenti.

Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo u mis-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat fil-preżenza tal-President tal-Assoċjazzjoni tal-Avjazzjoni Maltija Joe Ciliberti.

F’kelmtejn tal-okkażjoni, il-Ministru Clayton Bartolo qal li minn din l-attività ser igawdi s-settur tal-ospitalità fl-intier kollu tiegħu.

“Minkejja li dawn l-attivitajiet jgħinu bil-kbir it-turiżmu lokali, nemmen bi sħiħ li din l-attività tmur lil hinn minn hekk. Bla dubju hija marka pożittiva li pajjiżna jinsab fit-triq lura għan-normalità,” żied il-Ministru Clayton Bartolo.

Finalment irringrazzja lill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu talli qed tkun katalista biex l-attivitajiet jerġgħu jirritornaw b’mod responsabbli skont id-direttivi maħruġa mis-Supretendenza tas-Saħħa Pubblika.

Is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat qal li l-Aġenzija Komunità Malta qed tinvesti €50,000 sabiex l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu tkun tista’ tassisti lis-Soċjetà Maltija tal-Avjazzjoni fl-ispettaklu tal-ajru. Spjega li Komunità Malta tamministra dak kollu relatat ma’ ċittadinanza f’Malta. Is-segretarju parlamentari esprima sodisfazzjon li grazzi għall-fondi mill-investiment dirett barrani, tista’ ssir l-air show, li hi investiment f’pajjiżna u fit-talent Malti. Ikkonkluda li dan ukoll huwa investiment fil-komunità: dik lokali, dik turistika u l-komunità tal-avjazzjoni fost l-oħrajn.

Intant, il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Avjazzjoni Maltija Joe Ciliberti qal li din hija sena importanti għall-assoċjazzjoni hekk kif l-istess soċjetà qed tiċċelebra l-ħamsa u għoxrin sena mill-operat tagħha.​

PR211506