Inawgurata Klinika Ġdida fil-Belt Valletta
Stqarrija mill-Uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru u Ministeru għas-Saħħa u mis-Segretarjat Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet
Għall-ewwel darba, il-belt kapitali ta’ Malta għandha klinika fil-komunità li min-nhar it-Tnejn se tibda toffri servizzi ta’ kura primarja lir-residenti.
Waqt l-inawgurazzjoni tal-berġa d-Deputat Prim Minsitru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne fisser kif din il-klinika se toffri servizzi ta’ klinika tat-tabib tal-familja, klinika tal-infermiera, podjatrija, patoloġija tal-lingwa mitkellma, u teħid ta’ demm. Id-Deputat Prim Ministru Fearne fakkar li l-impenn tal-Gvern sabiex jinfetħu bereġ ġodda u jiġu rinovati dawk eżistenti f’kull lokalità għaddej b’ rittmu mgħaġġel, tant li fl-aħħar sentejn diġà tlestew erbatax-il klinika filwaqt li għaddej ix-xogħol fuq ħames lokalitajiet oħra.
Id-Deputat Prim Ministru rringrazzja lill-Kunsill tal-Belt Valletta u lis-Sindku Alfred Zammit talli kienet offruta l-binja tal-kunsill għal dan il-proġett u lill-ħaddiema tal-kura primarja għax-xogħlijiet li saru.
Is-Segretarju Parlamentari responsabbli miċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat qal li investiment bħal dan jeħtieġ il-fondi, iżda m’għandux ikun it-taxpayer Malti li jġorr il-piż. “L-NDSF huwa l-fond li qed jagħmel dan il-proġett possibbli minn aspett finanzjarju”, spjega s-Segretarju Parlamentari Muscat. Qal li l-berġa tal-Belt hija parti minn kullana ta’ bereġ li ngħataw ħajja ġdida jew ġew inawgurati, b’investiment ta’ €10 miljun.