Pulmun Aħdar Ġdid f’Ħal Qormi

28/09/2021 | NDSF

Stqarrija mill-Ministeru għall-Ekonomija u l-Industrija, il-Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar u s-Segretarjat Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet

Il-lokalità ta’ Ħal Qormi wkoll se tkun qed tgawdi minn proġett ġdid ta’ urban greening, permezz ta’ investiment ta’ miljun ewro mill-Fond Soċjali u għall-Iżvilupp Nazzjonali (NDSF).

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri, il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia u s-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat waqt konferenza tal-aħbarijiet fuq il-post. Ġie wkoll iffirmat ftehim bejn l-Awtorità tal-Artijiet u GreenServ sabiex ikun jista’ jitwettaq dan il-proġett u oħrajn bħalu.

Dan il-proġett se jkun qed ibiddel parti mill-istorm water culvert fi spazju li jista’ jitgawda mir-residenti. Permezz ta’ tħawwil ta’ siġar u pjanti aromatiċi, se jkun qed jinħoloq spazju ġdid li, minbarra li se jkun qed iħaddar din iż-żona traffikuża, se jkun qed jipprovdi wkoll dell għan-numru ta’ bankijiet li se jkunu qed jitwaħħlu. Se tinħoloq ukoll korsa tal-ġiri ta’ 200 metru li se tkun qed iddur mal-perimetru u li se tkun qed tiġi iżolata mit-triq permezz tas-siġar li se jkunu qed jitħawwlu. Se tkun qed tiġi ffaċilitata l-aċċessibbiltà kemm għar-residenti li jkunu jridu jaċċessaw il-ħwienet li hemm fil-madwar, kif ukoll għall-karozzi sabiex jaqsmu għal Triq il-Wied. Se jiġi wkoll introdott parkeġġ żgħir fil-livell tat-triq li se jkun qed iżid l-ispazji għall-parkeġġ f’din iż-żona.

Il-Ministru Aaron Farrugia qal li dan huwa proġett ieħor immexxi mill-GreenServ li se jkun qed joħloq spazju miftuħ u aħdar f’żona sinonima mat-traffiku, bl-għan li ntejbu l-kwalità tal-ħajja għar-residenti li joqogħdu f’din iż-żona urbana, kif ukoll jippromwovi stili ta’ ħajja sostenibbli. “Hekk kif, fl-ewwel disa’ snin ta’ gvern preżenti, l-ikbar investiment fil-pajjiż kien, kif mistenni u mitlub, fuq l-infrastruttura ta’ pajjiżna, issa wasal iż-żmien li bl-istess intensità, b’investiment bla preċedent, il-gvern jinvesti f’dak li nsejħulu ‘greenification’ ta’ pajjiżna. Il-Budget li se jiġi preżentat fil-jiem li ġejjin għandu jagħti bidu għal din l-era l-ġdida,” stqarr il-Ministru Farrugia.

Il-Ministru Silvio Schembri qal li l-ftehim se jwitti kapitlu ġdid għal din iż-żona f’Ħal Qormi, li għal snin twal ir-residenti tagħha kienu jaffaċċjaw sfidi serji f’ċirkustanzi ta’ xita. “Il-fatt li llum wasalna biex inħabbru dan il-proġett lir-residenti ta’ Ħal Qormi huwa ta’ sodisfazzjon ferm akbar għalija. Niftakar ir-residenti ta’ din iż-żona kemm batew f’perjodu ta’ xita qliel bl-ilma li kien jinġabar hawnhekk li saħansitra kien jidħol f’darhom, u sa minn għaxar snin ilu ħdimt biex ħolma għal Qriema ssir realtà. Għal dik it-tbatija li għaddew minnha, issa se jkollhom tgawdija ta’ proġett mill-isbaħ rikreattiv, kif jistħoqqilha din il-lokalità u lilhom,” qal il-Ministru Schembri. Fil-fatt, id-disinn jinkorpora running track ta’ 200 metru, żona ta’ parkeġġ, sistema biex l-ilma tax-xita jintuża għat-tisqija tal-veġetazzjoni li se tkun ppjantata u li l-mod kif intagħżlet ġie kkunsidrat il-klima fiż-żona, u fuq kollox post rikreattiv lil hinn mill-attività bieżla li tikkarraterizza ż-żona. “Dan hu meta ngħidu ekonomija ta’ ġid għal kulħadd, ekonomija li bis-suċċessi li ksibna nkunu nistgħu ninvestu fi proġetti komunitarji għal ġid tar-residenti,” qal il-Ministru Schembri.

Is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat qal li dan mhux proġett iżolat, imma parti minn sensiela ta’ proġetti li jistgħu jitwettqu b’investiment mill-NDSF. Dan il-fond iħares l-interessi taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin, u permezz tiegħu pajjiżna jista’ jgawdi minn spazji isbaħ u kwalità ta’ ħajja aħjar. Permezz ta’ investiment totali ta’ €4.5 miljun, qed isarraf fi proġetti ta’ tħaddir fil-Ħamrun, fil-Mosta, f’Ħal-Qormi u f’Ħaż-Żabbar. “Permezz ta’ dan l-investiment u l-kollaborazzjoni ma’ entitajiet oħrajn, qed inbiddlu spazji li qabel kienu mitluqa jew ma kinux aċċessibbli, fi spazji li jista’ jgawdihom kulħadd,” qal is-Segretarju Parlamentari.​​

PR211778