Inawgurata Klinika Rinnovata f’Santa Luċija

12/11/2021 | NDSF

Stqarrija mill-Uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru u Ministeru għas-Saħħa u mis-Segretarjat Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet

Il-Ġimgħa waranofsinhar ġiet inawgurata klinika fil-komunità kompletament rinnovata fil-lokalità ta’ Santa Luċija li permezz ta’ investiment mill-fondi tal-NDSF, se tkun qed toffri ħames servizzi ta’ kura primarja lit-3,000 resident ta’ Santa Luċija.

Waqt l-inawgurazzjoni, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne afferma mill-ġdid l-impenn tal-gvern sabiex il-pazjenti li jkollhom bżonn servizzi bażiċi tas-saħħa, bħalma huma dawk li se jkunu offruti f’din il-klinika, iġifieri s-servizz tat-tabib tal-familja, tal-infermiera, tal-podjatrija, tal-patoloġija tal-lingwa mitkellma u tal-fiżjoterapija, jingħataw fil-komunitajiet stess. Fakkar li din hija l-ħmistax-il berġa ġdida jew rinnovata li qed tiġi inawgurata u fisser li x-xogħlijiet tal-Primary Healthcare se jissoktaw f’lokalitajiet oħra fix-xhur li ġejjin.

Is-Segretarju Parlamentari responsabbli miċ-Ċittadinaza u l-Komunitajiet Alex Muscat qal li l-NDSF qed tinvesti €10 miljun biex dawn il-bereġ ikunu rinnovati jew jinfetħu għall-ewwel darba. Qal li dan mhux investiment iżolat fil-qasam tas-saħħa. Infatti, għadu kemm tħabbar investiment ta’ €1.5 miljun biex ikun hemm CT Scanner f’San Vinċenz de Paul. Eżempju ieħor huwa l-investiment ta’ €8 miljun f’ċentru ġdid għall-kura paljattiva mmexxi minn Hospice Malta.

“Din hija r-ruħ soċjali ta’ dan il-gvern”, qal is-segretarju parlamentari. “Se nkomplu nistinkaw biex nattiraw l-investiment dirett barrani lejn pajjiżna, liema investiment qed ninvestuh fil-komunità”, temm jgħid Alex Muscat.

PR212037