​Il-Gvern ta’ Malta jieħu nota tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea

29/09/2022 | Uncategorized

Stqarrija mill-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza

Il-Gvern ta’ Malta qed jieħu nota tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tirreferi lil Malta fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-qafas leġiżlattiv dwar iċ-ċittadinanza b’investiment. B’rieda tajba u b’mod kostruttiv, il-gvern kien fi djalogu kontinwu mal-Kummissjoni Ewropea li matulu dejjem kienet spjegata l-pożizzjoni ta’ kif iċ-ċittadinanza hi kompetenza esklużiva tal-istat innifsu, bil-Kummissjoni Ewropea tibqa’ tinsisti li tali kompetenza mhux limitata biss għall-istati membri u dan minkejja li l-gvern preżenta argumenti legali li jippruvaw il-kontra ta’ dak li qed titkellem dwaru l-istess Kummissjoni. Barra minhekk, il-Gvern Malti dejjem ikkopera b’mod sħiħ f’kull proċess inizjat mill-istess Kummissjoni u anke jieħu miżuri adekwati biex inaqqas kemm jista’ jkun ir-riskji marbuta mal-leġiżlazzjoni taċ-ċittadinanza u r-residenza b’investiment.

F’dan is-sens, il-Gvern Malti jemmen li mhux qed jikser il-prinċipju tal-kooperazzjoni leali hekk kif imniżżla fl-Artiklu 4(3) tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea u li dan il-qafas leġiżlattiv ta’ ċittadinanza b’investiment jirrispekkja b’mod sħiħ il-proviżjonijiet elenkati fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea permezz tal-proċess relatati man-naturalizzazzjoni. Anke wara konsultazzjoni mal-professjonisti fil-qasam, il-gvern se jkompli joġġezzjona għall-interpretazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea f’dan ir-rigward. Hu kruċjali li jkun innutat kif il-gvern iħaddem proċessi ta’ diliġenza rigorużi biex ikunu evitati l-abbużi, ewlenin fosthom il-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu, u biex ikunu biss dawk l-individwi denji li jkunu eliġibbli għaċ-ċittadinanza Maltija u b’konsegwentament dik Ewropea.

Il-gvern għalhekk ikompli jisħaq li dan kollu qed isir fl-eżerċizzju tal-kompetenza relattiva ma’ Artiklu 20 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u li hu dejjem jonora l-obbligi u l-kundizzjonijiet kif stipulati fit-trattati, anke b’miżuri kif elenkati fihom. Dan il-programm kien skrutinizzat b’reqqa f’eżerċizzji ta’ evalwazzjonijiet dwar riskji ta’ ħasil ta’ flus u l-iffinanzjar tat-terrorizmu minn diversi istituzzjonijiet internazzjonali, ewlenin fosthom il-Moneyval u l-FATF. L-entitajiet u l-proċessi tagħhom għaddew b’suċċess l-istess evalwazzjonijiet u kienu rikonoxxuti bħala mudell għal pajjiżi oħra fil-ġlieda kontra l-attivitajiet tal-kriminalità orgnaizzata msemmija. Dawn il-proċessi jinkludu wkoll qsim ta’ informazzjoni u dan ir-riżultat ifisser li l-programm hu trasparenti biżżejjed ma’ ġurisdizzjonijiet ta’ pajjiżi terzi.

Dan il-proċess kollu se jipprovdi l-opportunità lill-Gvern Malti biex ikompli jsaħħaħ l-argumenti tiegħu, kif ukoll li jirribatti l-interpretazzjonijiet li tqajmu dwar l-interpretazzjoni tat-trattati, filwaqt li jħalli l-materja għad-deċiżjoni finali tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

PR221260