Inawgurat Ċentru S.T.E.A.M. fl-Iskola Primarja ta’ San Pawl il-Baħar

20/04/2023 | Uncategorized

Stqarrija mill-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza u l-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni

Ġie inawgurat ċentru ġdid għas-suġġetti S.T.E.A.M. fil-Kulleġġ Maria Reġina, Primarja San Pawl il-Baħar, li huwa attrezzat b’apparat u bir-riżorsi kollha meħtieġa biex l-istudenti jingħataw edukazzjoni hands-on fix-Xjenza, it-Teknoloġija, l-Inġinerija, l-Arti u l-Matematika. Dan iċ-ċentru sar b’fondi mill-programm ta’ ċittadinanza b’investiment, amministrat minn Komunità Malta.

Iċ-ċentru ġie inawgurat mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima u l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza, Byron Camilleri.

Waqt l-inawgurazzjoni l-Ministru Clifton Grima stqarr, “F’dawn il-jiem kelli diversi okkażjonijiet li matulhom tkellimt dwar edukazzjoni sħiħa u innovattiva biex l-istudent jieħu gost jitgħallem bl-opportunitajiet kollha li nistgħu noffru. Irridu nkomplu naħdmu biex mhux biss nedukaw, imma dan nagħmluh b’mod li l-istudent jieħu gost jirċievi t-tagħlim li l-edukaturi tagħna jagħtu b’tant dedikazzjoni u determinazzjoni.”

Filwaqt li rringrazzja lill-edukaturi għall-impenn tagħhom, il-Ministru Grima ħa l-okkażjoni u stieden lill-edukaturi kollha jkunu parteċipattivi fil-konsultazzjonijiet li se jsiru magħhom biex titfassal l-Istrateġija għall-Edukazzjoni 2024-2030.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Byron Camilleri qal li fl-aħħar sentejn l-aġenzija Komunità Malta tat fondi għal diversi inizjattivi soċjali u edukattivi b’total ta’ aktar minn żewġ miljun ewro. Kompla li, “Permezz ta’ dan il-proġett, it-tfal qed igawdu u jitgħallmu fl-istess ħin, f’ambjent li hu aktar iffukat fuq l-użu tat-teknoloġija, ix-xjenza u l-arti u permezz tiegħu jistgħu jkomplu jimirħu. Kommessi li bħala Aġenzija Komunità Malta u anke bħala gvern inkomplu ninvestu f’inizjattivi bħal dawn u li verament igawdu minnhom it-tfal.”

Il-Ministru Camilleri temm juri is-sodisfazzjoni tiegħu li permezz ta’ fondi minn dan il-programm qed isiru proġetti tanġibbli li qed iħallu l-impatt fil-komunitajiet, fosthom fuq it-tagħlim u l-iżvilupp tat-tfal.

Intant, fis-sistema edukattiva qed tingħata importanza lis-suġġetti S.T.E.A.M., li huma suġġetti mhux biss importanti, imma huma l-bażi ta’ karrieri diversi. Permezz ta’ dan iċ-ċentru, l-edukaturi jħarrġu lill-istudenti f’dawn is-suġġetti b’mod sħiħ, għaliex jinkludi wkoll prattika u attivitajiet interattivi li jgħinu fit-tagħlim ta’ dawn is-suġġetti b’mod kreattiv.

L-għarfien ta’ S.T.E.A.M. qed ipoġġi quddiem l-istudent sfidi li jridu jkunu indirizzati permezz tal-ħsieb u ħiliet kreattivi. Huwa importanti wkoll għaliex l-istudent jingħata minn kmieni għarfien tad-dinja diġitali.

Preżenti għal din l-inawgurazzjoni kien hemm il-Prinċipal tal-Kulleġġ Maria Reġina Patrick Decelis, il-Kap tal-Iskola ta’ San Pawl il-Baħar Ethelbert Fenech u l-Kap Eżekuttiv ta’ Komunità Malta Joseph Mizzi.

PR230565