​‘Learn, Interact, Share’ – Kampanja Kontra d-Dipendenzi

23/04/2021 | NDSF

Stqarrija Konġunta mill-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal u mis-Segretarjat Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet

‘Learn, Interact, Share’ – dawn huma t-tliet temi li se jikkaratterizzaw kampanja dwar id-dipendenzi li se titnieda f’Ġunju, fil-Jum Dinji kontra l-Abbuż mid-Droga. Il-kampanja se ssir wara ftehim uffiċjali li ġie ffirmat bejn il-Foundation for Social Welfare Services (FSWS) u l-Aġenzija Komunità Malta li se tiffinanzja l-kampanja b’investiment ta’ €90,000.

Il-kampanja se tkun immirata lejn adoloxxenti, iżda tappella wkoll lill-poplu b’mod aktar wiesa’. L-appell se jkun kontra kull tip ta’ vizzji jew forom ta’ dipendenzi, u wieħed mill-messaġġi ewlenin se jkun li kull min ikollu dipendenzi se jsib għajnuna u mhux ġudizzju.

Il-kampanja se tinkludi website informattiva, materjal fuq il-midja soċjali, intervisti, materjal televiżiv u fuq ir-radju, flimkien ma’ handbook u stands ta’ informazzjoni

Il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon u s-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat presedew l-iffirmar tal-ftehim.

Il-Ministru Michael Falzon ħabbar li l-kampanja se tiġi varata fis-26 ta’ Ġunju li ġej, li hija wkoll il-ġurnata ddedikata kontra l-użu tad-droga. Il-Ministru Falzon fisser din il-kampanja bħala waħda innovattiva, li nbniet u tfasslet fuq ir-riċerka maż-żgħażagħ infushom. Għalhekk, se tkun qed twassal il-ħsibijiet, il-biżgħat u l-aspirazzjonijiet taż-żgħażagħ stess.

Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat qal li bil-fondi minn programmi ta’ residenza b’investiment qed tingħata għajnuna lil eluf ta’ ċittadini Maltin. “Filwaqt li nirrispettaw id-dritt tal-għażla responsabbli u ħielsa tal-individwu, irridu nedukaw kontra d-dipendenzi. Parir f’waqtu jista’ jsalva l-ħajjiet u jgħin meta bniedem ma jkunx jaf fejn għandu jirrikorri biex jgħix ħajja aħjar”, temm jgħid is-segretarju parlamentari.

PR210767