L-Aġenzija

Aġenzija Komunità Malta (l-Aġenzija) hija Aġenzija tal-Gvern imwaqqfa permezz tal-Ordni dwar it-Twaqqif tal-Aġenzija Community Malta (L.S. 595.38) li hija responsabbli biex tamministra l-kwistjonijiet kollha relatati maċ-ċittadinanza Maltija. Dan jinkludi l-aċċettazzjoni u l-ipproċessar t’applikazzjonijiet għall-akkwist taċ-ċittadinanza Maltija bi twelid, b’reġistrazzjoni, permezz ta’ residenza fit-tul, għal servizzi eċċezzjonali skont il-mertu, u għal servizzi eċċezzjonali permezz t’investiment dirett f’Malta.

L-Aġenzija hija responsabbli wkoll għat-twettiq tal-proċess dettaljat u mirqum tad-diliġenza dovuta fuq kull applikazzjoni u tressaq ir-rakkomandazzjonijiet tagħha lill-Gvern rigward l-għoti taċ-ċittadinanza.

Decorative Image

Il-Fond għall-Iżvilupp Nazzjonali u Soċjali (l-NDSF)

NDSF Logo

L-NDSF hija Aġenzija tal-Gvern imwaqqfa permezz tal-Ordni dwar it-Twaqqif tal-Aġenzija dwar il-Fond għall-Iżvilupp Nazzjonali u Soċjali (L.S. 595.12) biex tirċievi 59.5% tal-kontribuzzjonijiet mill-applikazzjonijiet sottomessi taħt Taqsima IV tar-Regolamenti dwar l-Għoti ta’ Ċittadinanza għal Servizzi Eċċezzjonali (L.S. 188.06), kif stipulat taħt Artikolu 10(1) tal-Ordni dwar it-Twaqqif tal-Aġenzija Community Malta (L.S. 595.38).

Dawn il-fondi għandhom jintużaw u jiġu amministrati fl-interess pubbliku għall-avvanz tal-edukazzjoni, tar-riċerka, tal-innovazzjoni, t’għanijiet soċjali, tal-ġustizzja u s-saltna tad-dritt, t’inizjattivi tal-impjiegi, tal-ambjent u tas-saħħa pubblika, fost oħrajn.

Decorative Image

L-Uffiċċju tar-Regolatur (ORGCES)

Appuntat mill-Prim Ministru wara konsultazzjoni mal-Kap tal-Oppożizzjoni, ir-rwol tar-Regolatur u l-funzjonijiet tal-Uffiċċju tiegħu huma regolati mill-proviżjonijiet t’Artikolu 25 tal-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija (Kap. 188). B’żieda mal-funzjonijiet tiegħu taħt l-Att (u dawk il-funzjonijiet oħra kif jistgħu jiġu assenjati lilu taħt kull liġi), ir-Regolatur għandu jiżgura li jiġi segwit kwalunkwe aspett relatat mal-Għoti taċ-Ċittadinanza għal Servizzi Eċċezzjonali.

B’mod partikolari, kif indikat f’Artikolu 25A tal-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija (Kap. 188), ir-Regolatur għandu s-setgħa li jistħarreġ ilmenti sottomessi fil-forma preskritta, mill-applikant jew mill-aġent li j/tirrapreżentah, kif definit fir-Regolamenti dwar il-Liċenzji tal-Aġenti (L.S. 188.05), dwar il-proċess li sar matul il-valutazzjoni t’eligibilità, li wassal għar-rifjut fil-mod preskritt taħt dan l-Att. Ir-Regolatur imbagħad jippreżenta s-sejbiet tiegħu lill-Ministru.

Ir-Regolatur jista’, minn żmien għal żmien, jirrapporta lill-Ministru fuq kull kwistjoni li jkollha x’taqsam mal-qadi tal-funzjonijiet tiegħu taħt l-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija (Kap. 188). B’mod partikolari, ir-Regolatur għandu jipprepara rapport annwali fuq il-qadi tal-funzjonijiet tiegħu lill-Ministru, liema rapport annwali m’għandux jinkludi data personali li tidentifika individwi li jkunu akkwistaw iċ-ċittadinanza Maltija taħt l-Għoti ta’ Ċittadinanza għal Servizzi Eċċezzjonali (L.S. 188.06). Il-Ministru għandu jqiegħed kopja ta’ kull rapport annwali ppreparat mir-Regolatur kif stipulat taħt Artikolu 25(8) fuq il-Mejda tal-Kamra tar-Rapprezentanti mill-aktar fis wara li r-rapport ikun sar lilu.

Ir-Regolatur ikun mistenni (jekk jintalab) li jattendi laqgħat tal-Kumitat ta’ Monitoraġġ (imwaqqaf skont il-proviżjonijiet t’Artikolu 25B tal-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija (Kap. 188)) u biex jagħmel moniteraġġ fuq it-tħaddim tal-proċess għall-Għoti taċ-Ċittadinanza għal Servizzi Eċċezzjonali. Il-Kumitat (li għandu jirregola l-proċeduri tiegħu stess) hu magħmul mill-Prim Ministru, il-Ministru responsabbli mill-affarijiet relatati maċ-ċittadinanza Maltija u mill-Kap tal-Oppożizzjoni. Il-laqgħat, skedati jsiru tal-inqas darba fis-sena, huma ppreseduti mill-Prim Ministru.

Decorative Image