L-Aġenzija Tinvesti €100,000 fir-Restawr tan-Niċċa ta’ San Pawl

6/04/2021 | Inizjattivi

Stqarrija mis-Segretarjat Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet

Ftehim iffirmat bejn l-Aġenzija Komunità Malta u l-Kunsill Lokali tar-Rabat se jwassal għal restawr tan-niċċa ta’ San Pawl fiċ-ċentru tal-pjazza tas-Saqqajja. L-aġenzija Komunità Malta, li se tiffinanzja r-restawr tan-niċċa, hija responsabbli għall-amministrazzjoni u għall-ipproċessar tal-materji kollha relatati maċ-ċittadinanza Maltija.

In-niċċa storika ġiet kummissjonata mill-Gran Mastru de Vilhena fl-1727 u matul is-snin kellha importanza kbira kemm għar-Rabtin kif ukoll fuq livell nazzjonali, bid-devozzjoni lejha tattira viżitaturi minn madwar il-gżejjer Maltin.

In-niċċa żviluppat ċerti ħsarat mal-milja taż-żmien. L-użu ta’ cement f’ċerti istanzi, xogħol ta’ kisi li qdiem maż-żmien, l-effetti tal-ilma, l-introduzzjoni ta’ plakek kommemorattivi, l-akkumulazzjoni ta’ trabijiet fuq il-ġebel u l-effett tal-veġetazzjoni selvaġġa huma kollha fatturi li wasslu għall-ħsara li akkumulat matul iż-żmien. Għalkemm in-niċċa kienet irrestawrata fl-2002, il-bżonn attwali ta’ restawr huwa qawwi.

Fost oħrajn, in-niċċa se tkun imnaddfa professjonalment minn kull element naturali u kull intervent uman li seta’ sar u li ma jikkontribwixxix għall-valur storiku tagħha. Wara, l-għamla tagħha se tkun ikkonsolidata. Fost oħrajn, xogħol tal-ġebel li huwa ​deterjorat u li jhedded l-istabbiltà tal-istruttura se jkun mibdul b’mod professjonali.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Komunità Malta Jonathan Cardona esprima sodisfazzjon għall-fatt li fondi mill-programm ta’ ċittadinanza Maltija qed iwasslu għal titjib tanġibbli fil-patrimonju Malti. Is-Sindku tar-Rabat Sandro Craus stqarr li l-ħarsien tal-patrimonju storiku u mibni jwassal għal sens ta’ kburija fost ir-Rabtin.

Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat qal li l-ġid li nħoloq mill-programm ta’ ċittadinanza b’investiment qed isarraf f’bidla pożittiva fil-qalba tal-komunità Maltija. Qal li dan huwa wieħed biss minn firxa ta’ proġetti immirati lejn it-titjib tal-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin, permezz ta’ proġetti varji f’oqsma li jinkludu l-edukazzjoni, l-isport, l-ambjent mibni u l-ambjent rurali. Is-Segretarju Parlamentari sostna l-impenn tiegħu biex ikun attirat dejjem aktar investiment dirett barrani, sabiex il-ġid ikompli jasal għandna lkoll.

PR210654