Inawgurat Ċentru t’Eċċellenza fil-Podjatrija

21/04/2021 | NDSF

Stqarrija mill-Uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru u Ministeru għas-Saħħa u mis-Segretarjat Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne inawgura ċentru ta’ eċċellenza għall-podjatrija li jinsab fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Birkirkara.

Fost servizzi oħra, dan iċ-ċentru ta’ eċċellenza se jkun qed joffri servizzi ġodda fil-qasam tal-kura tas-saqajn fosthom Claudication Clinic, High Risk Foot Biomechanics Clinic, u Rheumatoid Foot Clinic – fejn isiru testijiet speċifiċi biex jitnaqqsu r-riskji ta’ qtugħ tar-riġel minħabba problemi kardjovaskulari, fost oħrajn.

Id-Deputat Prim Ministru qal li dan huwa ċentru ieħor ta’ eċċellenza fi ħdan it-Taqsima tal-Kura Primarja li qed ikunu strumentali biex jiġu offruti l-aqwa servizzi għall-pazjenti tagħna ‘l barra mill-Isptar Mater Dei, u għalhekk eqreb tan-nies. “Is-saqajn kapaċi juruna l-bidu ta’ problemi aktar serji fis-saħħa tagħna u għalhekk dan iċ-ċentru se jkun strumentali biex ċertu problemi jiġu rikonoxxuti mill-bidu nett qabel ma tkun laħqet saret aktar ħsara,” qal id-Deputat Prim Ministru.

Dan iċ-ċentru ta’ eċċelenza sar b’investiment ta’ madwar €220,000 minn fondi tal-NDSF.

Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm ukoll is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat li stqarr li ħidmet l-Aġenzija li tieħu ħsieb il-Fond Soċjali u tal-Iżvilupp Nazzjonali, l-NDSF, qed tissarraf f’ġid fil-komunità. Spjega li dan huwa fond li jamministra porzjon mill-investiment dirett barrani u jinvestih għall-ġid tal-komunità Maltija.

Is-sur Muscat qal li l-ftuħ tal-berġa tal-podjatrija fiċ-ċentru ta’ Malta huwa eżempju ċar tat-tip ta’ ġid li qed isir, liema ġid ma jkoprix biss il-qasam tas-saħħa imma wkoll oqsma bħall-edukazzjoni, l-ambjent u l-qasam kulturali. Huwa sostna l-impenn tiegħu sabiex pajjiżna jkompli jattira l-investiment dirett barrani, biex b’hekk ikunu jistgħu jitwettqu aktar proġetti bħal dawn.

PR210757