L-Aġenzija Tinawgura Uffiċċju Ġdid

11/06/2021 | Avviżi

Stqarrija mill-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi

Komunità Malta inawgurat uffiċini ġodda f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi fil-Belt Valletta, li minnhom is-servizzi kollha għall-għoti taċ-ċittadinanza se jingħataw taħt saqaf wieħed.

L-inawgurazzjoni saret fil-preżenza tal-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Bryon Camilleri, is-Segretarju Parlamentari responsabbli miċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat u l-Kap Eżekuttiv ta’ Komunità Malta Jonathan Cardona.

L-Aġenzija Komunità Malta twaqqfet f’Novembru tal-2020 biex twettaq il-funzjonijiet u d-dmirijiet tal-amministrazzjonijiet relatati mal-għoti taċ-ċittadinanza li jinkludu akkwist taċ-ċittadinanza Maltija bit-twelid, b’reġistrazzjoni, permezz ta’ residenza fit-tul, għal servizzi eċċezzjonali skont il-mertu u għal servizzi eċċezzjonali permezz ta’ investiment dirett f’Malta.

L-Aġenzija ħadet fi ħdanha l-entità li tamministra r-regolamenti ta’ residenza b’investiment li jwasslu għaċ-ċittadinanza flimkien mas-sezzjoni taċ-ċittadinanza li kienet parti mill-Aġenzija Identità Malta.

L-uffiċini l-ġodda huma maħsuba biex minnhom jingħata servizz ċentralizzat li jkun aċċessibbli għal kulħadd filwaqt li joffru spazju adekwat għall-ħaddiema.

Il-Ministru Byron Camilleri rringrazzja lill-ħaddiema tal-Aġenzija għall-ħidma effiċjenti u tenna li dawn l-uffiċini se jfissru servizz dejjem aktar aċċessibbli.

Is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat qal li din l-inawgurazzjoni tissimbolizza l-passi kbar li qed jagħmel pajjiżna biex iċ-ċittadin jinqeda fil-ħin u jirċievi servizz ta’ kwalità.

PR211116