Ftehim Kollettiv Ġdid għall-Ħaddiema tal-Aġenzija

10/09/2021 | Avviżi

Stqarrija mill-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi

Dan il-ftehim kollettiv huwa l-ewwel wieħed għal din l-aġenzija, li ġiet imwaqqfa f’Novembru tal-2020.

Il-ftehim, li jkopri sal-2024, kien innegozjat flimkien mal-General Workers Union, u huwa riżultat ta’ laqgħat kordjali fl-interess tal-ħaddiema kollha u tal-aġenzija.

Fost il-benefiċċji, il-ħaddiema se jaraw titjib fl-istruttura tas-salarji u titjib fil-benefiċċji u l-kundizzjonijiet tax-xogħol.

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri spjega kif il-ħaddiem jinsab dejjem fiċ-ċentru tal-ħidma ta’ dan il-gvern u l-iffirmar ta’ dan il-ftehim jixhed kif l-attitudni tal-gvern illum hija ferm differenti minn dik ta’ gvernijiet oħra. Huwa qal kif, f’mument fejn id-dinja ffaċċjat pandemija, il-ħaddiem Malti sab gvern jappoġġjah.

Waqt żjara fl-uffiċċji ta’ Komunità Malta fil-Belt Valletta, is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat qal li dan il-ftehim kollettiv jiżgura li l-ħaddiema jsibu ambjent pożittiv jilqagħhom fuq il-post tax-xogħol. Żied jgħid li dan it-tip ta’ ambjent huwa kruċjali biex il-ħaddiema jilħqu l-massimu tal-ħiliet tagħhom.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Komunità Malta Jonathan Cardona enfasizza l-impenn li qed tagħmel l-aġenzija biex kontinwament teduka lill-ħaddiema tagħha, sabiex itejbu l-għarfien tagħhom u joffru dejjem l-aħjar esperjenza lill-klijenti.

Komunità Malta hija responsabbli mill-amministrazzjoni u l-ipproċessar tal-affarijiet kollha relatati maċ-ċittadinanza Maltija. Dan jinkludi l-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet għall-akkwist taċ-ċittadinanza Maltija bit-twelid, b’reġistrazzjoni, permezz ta’ naturalizzazzjoni wara residenza fit-tul, permezz ta’ servizzi eċċezzjonali bil-mertu, u permezz ta’ investiment dirett f’Malta.

L-aġenzija hija responsabbli wkoll għat-twettiq ta’ proċess ta’ due diligence fuq kull applikazzjoni, u biex tressaq rakkomandazzjonijiet lill-gvern rigward l-għoti taċ-ċittadinanza.

Il-ftehim kollettiv ġdid se jkompli jsaħħaħ ħidmet l-aġenzija, li minkejja li hija relattivament ġdida, għandha rwol importanti ħafna fil-kuntest ekonomiku Malti. ​​

PR211647