Tender għal CT Scanner f’San Vinċenz de Paul

10/11/2021 | NDSF

Stqarrija mill-Ministeru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva u s-Segretarjat Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet

Wara li f’dawn l-aħħar xhur ġew inawgurati numru ta’ binijiet infrastrutturali u ġew introdotti servizzi ġodda għar-residenti f’San Vinċenz de Paul, il-viżjoni tal-Gvern se tkompli titwettaq permezz ta’ allokazzjoni ta’ fondi li ġew approvati għal CT scanner ġdid mill-Fond Soċjali u għall-Iżvilupp Nazzjonali.

Matul konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia u mis-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat, tħabbar ukoll li b’mod imminenti se jiġi ppubblikat it-tender għax-xiri u l-installazzjoni ta’ CT scanner.

Filwaqt li l-Ministru Michael Farrugia fakkar li fl-istess binja, f’Settembru li għadda, ġie inawgurat l-ewwel digital X-Ray machine issa kien imiss li jinbeda l-proċess li titwettaq miżura li ssemmiet fid-diskors tal-Budget għas-sena d-dieħla. L-introduzzjoni tas-CT scanner hija parti minn viżjoni aktar wiesa’ biex fir-residenza San Vinċenz de Paul, ikunu jistgħu jsiru t-testijiet meħtieġa mingħajr il-bżonn li l-anzjani jiġu riferuti l-isptar Mater Dei. Barra minn hekk, se jibdew isiru r-riċerki neċessarji dwar mard relatat mal-anzjanità.

Il-Ministru faħħar il-professjonisti, speċjalisti, tobba u l-infermiera kollha f’San Vinċenz tax-xogħol siewi tagħhom, li bl-apparat neċessarju se jkunu jistgħu jagħtu servizz aqwa mingħajr il-ħtieġa li l-anzjani jiġu riferuti l-isptar Mater Dei.

“Permezz ta’ dan is-servizz addizzjonali u oħrajn ippjanati, inkunu nistgħu nkomplu nagħtu l-aqwa attenzjoni lill-anzjani f’San Vinċenz, li llum inqisuh bħala post ta’ eċċellenza,” qal il-Ministru Farrugia. “Eventwalment, dan is-servizz jibda wkoll jingħata lill-anzjani fid-djar kollha tal-anzjani u lill-anzjani fil-komunità biex inkunu ukoll ta’ sapport għad-Dipartiment tas-Saħħa,” temm jgħid il-Ministru Farrugia.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat qal li CT scanner f’San Vinċenz de Paul huwa investiment li jammonta għal €1.5 miljun, liema fondi ġejjin mill-NDSF. Minn dan l-investiment, potenzjalment se jibbenefikaw 94,000 ċittadin Malti u Għawdxi li għandhom ’l fuq minn 65 sena – 21% tal-popolazzjoni kollha Maltija u Għawdxija. Is-Segretarju Parlamentari spjega li l-NDSF taħdem għall-avvanz tas-soċjetà, f’setturi importanti bħas-saħħa, l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni. “Dan kollu jfisser li aħna Gvern għan-nies. Għaliex bid-deċiżjonijiet għaqlin tagħna u bil-ħidma konsistenti tagħna, qed naraw li l-programmi ta’ investiment barrani isawwru b’mod tanġibbli f’għajnuna lill-aktar vulnerabbli fis-soċjetà.”

“L-investiment tal-lum huwa turija ċara oħra li l-ġid li qed noħolqu qed jasal verament fil-komunità tagħna”, temm jgħid is-Segretarju Parlamentari.

PR212021