Qalb altruwista tal-poplu Malti u Għawdxi – Pjazza Kastilja mimlija Rigali bi Mħabba

21/12/2022 | Uncategorized

Stqarrija minn Dr Lydia Abela

Dr Lydia Abela għalqet uffiċjalment it-tielet edizzjoni tal-inizjattiva ‘Rigal bi Mħabba’. Fi Pjazza Kastilja biswit is-siġra tal-Milied u ammont sabiħ ta’ rigali frott il-ġenerożità tal-poplu Malti u Għawdxi, Dr Abela u bintha Giorgia Mae rringrazzjaw lill-familji u lin-negozji tar-rigali li taw lil persuna li ma jafux iżda li bih se jferrħu lil bosta. Fl-aħħar jum ta’ din l-inizjattiva ttella’ spettaklu mill-isbaħ, b’ġurnata ta’ attivitajiet fi Pjazza Kastilja permezz ta’ Villaġġ tal-Milied.

“Il-qalb ġenwina u altruwista tal-poplu Malti u Għawdxi naraha tieħu l-ħajja f’din l-attività għaliex wara dawn ir-rigal hemm tifel jew tifla, missier jew omm, nannu jew nanna li għaddew minn maġenb is-siġra tal-Milied u ħasbu f’ħaddieħor,” saħqet mart il-Prim Ministru.

Filwaqt li esprimiet sens ta’ kburija bħala Maltija parti minn soċjetà li tgħożż il-valur sabiħ tas-solidarjetà, Dr Lydia Abela spjegat kif din l-inizjattiva qed tħalli impatt pożittiv lil dawk li l-aktar jeħtieġu u huma fost l-aktar vulnerabbli. Hija rreferiet għall-inizjattiva fl-isptar Mater Dei li għandha għaddejja sal-għada tal-Milied bis-sehem ta’ Jake Vella, biex jinxtraw ukoll prodotti għall-annimali u fakkret ukoll fl-avveniment annwali tal-Istrina.

Fil-preżenza anki tal-Prim Ministru li attenda għall-għeluq ta’ din l-inizjattiva, Dr Lydia Abela spjegat kif l-edizzjoni ta’ din is-sena ‘Rigal bi Mħabba’ kienet anki fl-ibliet u l-irħula ta’ pajjiżna u rrimarkat għas-sehem ewlieni tal-kunsilli lokali li imbuttaw iżjed din l-inizjattiva fil-komunità. Mart il-Prim Ministru rringrazzjat fost oħrajn lit-tfal, lill-edukaturi, lill-forzi tal-ordni u lill-ħaddiema soċjali għall-kontribut tagħhom f’din l-inizjattiva, fosthom b’rabta mat-tqassim tar-rigali fid-djar tat-tfal.

Fl-għeluq ta’ din l-inizjattiva tkellem ukoll il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri, li nnota kif l-istess korpi dixxiplinarji li normalment narawhom jipproteġuna se jkunu fit-toroq inisslu l-ferħ fost it-tfal, filwaqt li s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli nnutat l-impenn tal-kunsilli lokali sabiex it-tfal kollha jkollhom rigal x’jiftħu dan il-Milied.​

PR221785