Kap Eżekuttiv Ġdid għall-Aġenzija

22/11/2021 | Avviżi

B’effett immedjat, is-sur Joseph Mizzi nħatar Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Komunità Malta. B’karriera twila bħala uffiċjal pubbliku, is-sur Mizzi ilu involut fis-settur u għaldaqstant għandu snin twal ta’ esperjenza x’joffri.

Beda l-karriera tiegħu fil-qasam tac-cittadinanza u l-immigrazzjoni fil-bidu tas-snin disgħin, f’dak li kien id-Dipartiment taċ-Ċittadinanza u tal-Expatriates, fi ħdan l-uffiċċju tal-Prim Ministru u wara l-Ministeru tal-Intern. Meta pajjiżna ssieħeb fl-Unjoni Ewropea, is-sur Mizzi kien involut b’mod dirett fl-implimentazzjoni ta’ direttivi u proċessi li jikkonċernaw il-migrazzjoni legali fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Tul is-snin kien ukoll responsabbli minn policies li jikkonċernaw il-visas.

Aktar tard fil-karriera, serva bħala konsulent dwar iċ-ċittadinanza u l-immigrazzjoni fi ħdan il-Ministru tal-Intern. Is-sur Mizzi rrappreżenta lil pajjiżna f’diversi fora internazzjonali u tul ħajtu kien involut fl-emendi kollha li jikkonċernaw il-liġijiet ta’ ċittadinanza.

“Intenni l-impenn tiegħi li pajjiżna jkompli jservi ta’ eżempju fl-effiċjenza, trasparenza u prattiċi tajba fejn jidħol il-qasam taċ-ċittadinanza”, qal is-sur Joseph Mizzi b’reazzjoni għal din il-ħatra.