Sena mit-Twaqqif tal-Aġenzija
Stqarrija mis-Segretarjat Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet
L-Aġenzija Komunità Malta twaqqfet fl-2020, biex tara li l-funzjonijiet li jappartjenu għall-għoti taċ-ċittadinanza permezz ta’ investiment ekonomiku u l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet l-oħra kollha tal-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija jitwettqu minn entità waħda. Is-Segretarju Parlamentari responsabbli miċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet, Alex Muscat, flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Komunità Malta Joseph Mizzi, enfasizzaw il-kisbiet ewlenin tal-Aġenzija sa mill-bidu tagħha.
Minn mindu ġiet stabbilita l-għotja taċ-ċittadinanza b’investiment, l-inizjattiva ġġenerat €1,130,825,000 f’kontribuzzjonijiet gross li saru mill-applikanti lill-Gvern ta’ Malta, li minnhom €616,427,599 ġew trasferiti lill-NDSF, u €388,529,774 ġew trasferiti lill-Fond Konsolidat. Aktar minn €1.8 miljun ġew mogħtija minn applikanti li ntgħażlu fil-programm IIP lill-NGOs lokali sal-aħħar tas-sena 2021. Dawn l-NGOs ivarjaw, biex jinkludu: l-Arċidjoċesi ta’ Malta, entitajiet reliġjużi, entitajiet li jaħdmu biex jissalvagwardjaw l-annimali, każini tal-baned, inizjattivi kulturali, kawżi ambjentali, diversi kunsilli lokali, inizjattivi relatati mal-mużika, klabbs sportivi, President’s Foundation for the Wellbeing of Society, dipartimenti li jappartjenu lill-Università ta’ Malta, u entitajiet li jaħdmu favur l-ugwaljanza u d-drittijiet tan-nisa.
L-Aġenzija kontinwament tistinka biex tkompli tiġġenera aktar dħul għall-benessri ekonomiku u soċjali ta’ Malta. Komunità Malta appoġġat numru ta’ proġetti relatati ma’ għanijiet soċjali jew filantropiċi li huma kkunsidrati ta’ importanza nazzjonali. L-ammonti jitħallsu mill-profitti magħmula mill-Aġenzija Komunità Malta, kif previst fil-leġiżlazzjoni relattiva li tistabbilixxi l-Aġenzija, li daħlet fis-seħħ f’Novembru 2020. Dawn il-proġetti jinsabu fit-tabella t’hawn taħt.
L-ewwel sena tal-Aġenzija Komunità Malta kienet karatterizzata minn numru ta’ sfidi u opportunitajiet. Wara l-Emendi għall-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija, l-Aġenzija kompliet tindirizza l-iżbilanċ soċjali li bih tfal imwielda barra ż-żwieġ ta’ missier Malti ma kinux jiksbu ċ-ċittadinanza Maltija awtomatikament mat-twelid, bħal fil-każ ta’ tfal imwielda f’ċirkostanzi simili għal omm Maltija. L-att relattiv assigura wkoll li minkejja li ċ-ċittadinanza tista’ tingħata bi dritt permezz ta’ reġistrazzjoni, tali għotja ssir kondizzjonali għal kunsiderazzjonijiet li huma fl-interess pubbliku.
Aktar tard minn meta twaqqfet l-Aġenzija, il-leġiżlazzjoni li tikkonċerna l-Programm tal-Investitur Individwali ġiet sostitwita bir-Regolamenti dwar l-Għotja ta’ Ċittadinanza għal Servizzi Eċċezzjonali, biex jiġi żgurat li jinkiseb bilanċ akbar bejn l-għoti ta’ dritt daqshekk importanti bħaċ-ċittadinanza, u l-kundizzjonijiet relatati mal-investiment u residenza.
Matul l-2021, id-Dipartiment taċ-Ċittadinanza ffinalizza l-ipproċessar ta’ 1,563 applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ persuni bħala ċittadini Maltin. Applikazzjonijiet bħal dawn jikkonċernaw persuni li għandhom id-dritt li jakkwistaw iċ-ċittadinanza Maltija abbażi ta’ dixxendenza, u b’hekk igawdu d-dritt ta’ moviment ħieles fl-Unjoni Ewropea. L-iktar nazzjonalitajiet b’persuni li kisbu ċ-ċittadinanza bir-reġistrazzjoni kienu Brittaniċi, Awstraljani, Amerikani, Kanadiżi u Franċiżi. Fid-dawl ta’ Brexit, l-Aġenzija kompliet tirċievi żieda fin-numru ta’ applikazzjonijiet minn ċittadini Brittaniċi ta’ dixxendenza Maltija, jew konjugi ta’ ċittadini ta’ Malta. Matul l-aħħar tliet snin, ċittadini Brittaniċi kienu fuq quddiem fil-lista tan-numru ta’ applikanti għar-reġistrazzjoni bħala ċittadini ta’ Malta, li jammontaw għal 20 – 35% ta’ dawn l-applikazzjonijiet. L-Aġenzija Komunità Malta tipproċessa wkoll applikazzjonijiet għan-naturalizzazzjoni. Tali applikazzjonijiet jiġu sottomessi prinċipalment minn migranti. L-għotja hija diskrezzjonali u matul is-sena li għaddiet, ġew approvati 785 talba ta’ naturalizzazzjoni.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Komunità Malta, Joe Mizzi, irringrazzja lill-ħaddiema tal-Aġenzija talli wieġbu b’mod diliġenti u effiċjenti għaċ-ċirkostanzi kollha, inkluża pandemija globali. Huwa ddeskriva din is-sena bħala waħda li tippreżenta l-isfidi u l-opportunitajiet uniċi tagħha.
Is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat faħħar lill-ħaddiema ta’ Komunità Malta għax-xogħol dedikat tagħhom matul is-sena li għaddiet. “L-ammont ta’ dħul iġġenerat fl-ekonomija Maltija, u n-numru konsiderevoli ta’ istituzzjonijiet li ġew assistiti finanzjarjament jitkellmu waħedhom. Entitajiet bħal dawn ma jkunux jistgħu jirrealizzaw il-ħolm tagħhom, kieku ma kienx għall-injezzjonijiet finanzjarji li bidlu l-kunċetti f’realtà”, qal is-segretarju parlamentari.
Proġett | Ammont Approvat (€) |
Malta Libraries | 10,000 |
Association of Abandoned Animals | 20,000 |
Fgura Local Council | 90,000 |
Malta Tourism Authority & Malta Aviation Society (Airshow) | 50,000 |
Tarxien Local Council | 89,500 |
Animal Welfare | 15,000 |
Bormla Local Council & Bormla Branch Library | 2,000 |
Malta Police Force | 100,000 |
Malta Housing Authority (250k for three years) | 750,000 |
Rabat Local Council | 100,000 |
Malta Police Force (115k for three years) | 345,000 |
Maria Regina College, Wardija Resource Centre | 40,000 |
Maria Regina College, St Pauls Primary | 35,000 |
Maria Regina College, Naxxar Middle School | 30,000 |
TOTAL | 1,676,500 |