Libertà t’Informazzjoni
Deskrizzjoni tal-Istruttura tal-Aġenzija
L-Aġenzija hija Aġenzija tal-Gvern imwaqqfa permezz tal-Ordni dwar it-Twaqqif tal-Aġenzija Community Malta (L.S. 595.38), u taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Onor. Byron Camilleri, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi, u l-Ugwaljanza.
L-Aġenzija hija mmexxija minn Kap Uffiċjal Eżekuttiv li huwa responsabbli għall-ġestjoni, t-twettiq, il-funzjonijiet, u d-dmirijiet tal-Aġenzija, u li jgħaddi s-sejbiet tiegħu lill-Ministru responsabbli għaċ-ċittadinanza dwar l-applikazzjonijiet ippreżentati, wara li jsiru l-verifiki kollha tad-diliġenza dovuta.
L-Aġenzija hija diretta minn Bord tad-Diretturi maħtur mill-Ministru responsabbli għaċ-ċittadinanza, magħmul minn ħames (5) Diretturi, li wieħed (1) minnhom huwa l-President tal-Bord. Il-membri tal-Bord iżommu l-kariga tagħhom għal perjodu li ma jaqbiżx it-tliet (3) snin. Persuna (1) oħra tinħatar mill-Ministru responsabbli għaċ-ċittadinanza biex taġixxi bħala Segretarju tal-Bord.
Deskrizzjoni tal-funzjonijiet u r-responsabiltajiet tal-Aġenzija
Kif deskritt taħt l-Ordni dwar it-Twaqqif tal-Aġenzija Community Malta (L.S. 595.38), l-Aġenzija twaqqfet biex twettaq funzjonijiet u dmirijiet tal-amministrazzjoni pubblika biex:
(a) taministra l-proċess tal-applikazzjonijiet għall-għoti taċ-ċittadinanza skont l-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija u r-regolamenti maħruġa skont l-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija;
(b) tagħti parir lill-Ministru responsabbli miċ-ċittadinanza dwar il-kwistjonijiet kollha li jikkonċernaw il-funzjonijiet tal-Aġenzija; u
(ċ) twettaq dawk il-funzjonijiet l-oħra kollha li huma anċillari, inċidentali jew konsegwenzjali għall-kwistjonijiet stipulati taħt Artikolu 3 tal-L.S. 595.38, kif il-Ministru responsabbli miċ-ċittadinanza jista’minn żmien għal żmien jiddetermina.
Dan kollu f’koperazzjoni m’aġenziji oħrajn tal-Gvern fil-kwistjonijiet kollha relatati maċ-ċittadinanza.
Deskrizzjoni ġenerali tal-kategoriji ta’dokumenti li għandha l-Aġenzija (inklużi dokumenti eżentati)
- Applikanti:
– Rekords Personali miġburin f’Formoli t’Applikazzjoni, Mudelli, Dikjarazzjonijiet, Dokumentazzjoni Supplementari, eċċ. f’forma Oriġinali jew Kopja Ċċertifikata Vera;
– Rapporti Interni u Esterni ta’ Diliġenza Dovuta;
- Aġenti:
– Lista tal-Aġenti;
– Ċertifikati;
– Dettalji ta’ Taħriġ;
– Korrispondenzi;
– Formola t’Applikazzjoni u Dokumentazzjoni Supplementari;
– Ftehim għall-Ħruġ tal-Liċenzji u l-Kodiċi ta’ Kondotta u Etika għall-Aġenti iffirmat;
– Manwal taċ-Ċittadinanza Maltija b’Naturalizzazzjoni għal Servizzi Eċċezzjonali permezz t’Investiment Dirett
- Amministrazzjoni:
– Operazzjonijiet;
– Statistika;
– Memos/Ċirkularijiet/Politiki;
– Mistoqsijiet Parlamentari;
– Memorandum ta’ Qbil;
- Kontabilità u Finanzi:
– Akkwisti;
– Files t’Akkwisti (Offerti u Kwotazzjonijiet);
– Kuntratti t’Akkwist;
– Data Statistika Prestazzjonali;
– Data Statistika Finanzjarja;
– Rekords tal-Kontabilità (Ordnijiet t’Akkwist, Fatturi, eċċ.);
– Files Bankarji u tal-Kontabilità;
- Impjegati:
– Rekords Personali;
– Rekords ta’ Taħriġ;
- OR-GCES:
– Rapporti t’Inċidenti fix-Xahar;
– Rapporti Annwali fis-Sena;
– Korrispondenzi mal-Aġenzija;
– Linji Gwida Operattivi;
– Livelli t’Approvazzjoni tas-Sigurtà;
Deskrizzjoni tal-manwali kollha u tipi simili ta’ dokumenti li fihom politiki, prinċipji, regoli, jew linji gwida li skonthom jittieħdu deċiżjonijiet jew isiru rakkomandazzjonijiet fir-rigward ta’ membri tal-pubbliku (inklużi korpi korporattivi u impjegati tal-awtorità pubblika fil-kapaċità personali tagħhom)
- Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija (Kap. 188) u l-Leġislazzjoni Sussidjarja;
- Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni (Kap. 496) u l-Leġislazzjoni Sussidjarja;
- Att dwar il-Protezzjoni u l-Privatezza tad-Data (Kap. 586) u l-Leġislazzjoni Sussidjarja;
- Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika (Kap. 595) u l-Leġislazzjoni Sussidjarja applikabbli;
- Att dwar il-Ġestjoni tal-Finanzi Pubbliċi (Kap. 601) u l-Leġislazzjoni Sussidjarja applikabbli;
- Ftehim għall-Ħruġ tal-Liċenzji u l-Kodiċi ta’ Kondotta u Etika għall-Aġenti iffirmat;jindirizza aspetti operattivi fir-rigward t’Aġenti u jipprovdi interpretazzjoni u gwida xierqa fir-rigward tal-kondotta meħtieġa mill-Aġenti. Jipprovdi wkoll il-parametri għar-reklamar, għall-pubblikazzjonijiet u għat-tixrid t’informazzjoni relatati mar-Regolamenti li l-Aġenti huma mistennija li jikkonformaw magħhom b’mod strett;
- Manwal taċ-Ċittadinanza Maltija b’Naturalizzazzjoni għal Servizzi Eċċezzjonali permezz t’Investiment Dirett il-politika u l-linji gwida prinċipali li jipprovdu fehim komprensiv ta’ kif timla fid-dettall kull formola t’applikazzjoni u d-dokumentazzjoni supplementari meħtieġa għall-ksib taċ-ċittadinanza Maltija b’Naturalizzazzjoni għal Servizzi Eċċezzjonali permezz t’Investiment Dirett. Il-Manwal tal-ESDI huwa soġġett għal aġġornamenti skont il-ħtiġijiet;
- Kodiċi dwar l-Immaniġġjar tas-Servizz Pubbliku kif ikkumplimentat minn numru ta’ manwali oħrajn;
- Linji Gwida u Proċeduri Operattivi;
- Politiki tal-GMICT;
- Memos/Ċirkularijiet/Politiki;
- Ftehimiet Kollettivi;
- Manwal / Linji Gwida dwar il-Protezzjoni tad-Data;
- Manwal / Linji Gwida dwar il-Libertá tal-Informazzjoni;
Dikjarazzjoni tal-informazzjoni li teħtieġ li tkun disponibbli għall-membri tal-pubbliku li jixtiequ jiksbu aċċess għal dokumenti uffiċjali mill-awtorità pubblika, liema dikjarazzjoni għandha tinkludi dettalji tal-uffiċjal jew uffiċjali li lilhom għandhom jintbagħtu talbiet għal tali aċċess
L-uffiċjali tal-Aġenzija inkarigati mil-Libertà tal-Informazzjoni jistgħu jiġu kkuntattati bit-telefon fuq +356 2122 5232. Talbiet tal-Libertà tal-Informazzjoni jistgħu jiġu sottomessi permezz t’e-mail fuq [email protected], permezz tal-portal tal-Libertà tal-Informazzjoni www.foi.gov.mt, permezz tal-e-ID jew permezz tal-formola online.
Dettalji dwar il-Proċedura Interna għall-Ilmenti
Applikant li t-talba tiegħu ma tkunx ġiet milqugħa, jew li ma jkunx sodisfatt bl-informazzjoni pprovduta, bil-format li bih ġiet ipprovduta jew l-estensjoni tad-data ta’ skadenza għas-sottomissjoni tan-notifika li tindika jekk talba tkunx milqugħa jew le, jista’ jressaq ilment lill-Aġenzija. L-ilmenti jistgħu jiġu sottomessi lill-Aġenzija permezz t’e-mail fuq [email protected], permezz tal-portal tal-Libertà tal-Informazzjoni www.foi.gov.mt permezz tal-e-ID jew permezz tal-formola online. L-ilment għandu jkun indirizzat lill-uffiċjal tal-Aġenzija inkarigat mil-Libertà tal-Informazzjoni, li għandu jressaq l-ilment lill-uffiċjal responsabbli.
L-uffiċjal responsabbli għandu jwieġeb lill-applikant fi żmien għaxart (10) ijiem ta’ xogħol minn meta jirċievi l-ilment. L-applikant għandu jkun infurmat ukoll li j/tista’ j/tappella d-deċiżjoni jew inkella jindirizza lment lill-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni (Kap. 496) tal-Liġijiet ta’ Malta u l-Leġislazzjoni Sussidjarja tagħha. L-uffiċjal responsabbli għandu jinforma lill-applikant bid-deċiżjoni meħuda fir-rigward tal-ilment tiegħu/tagħha, u fil-każ ta’ konferma ta’ deċiżjoni li ma tinħariġx l-informazzjoni pertinenti, għandu jispjega r-raġunijiet tagħha.
Kull meta l-ilment tal-applikant huwa relatat mal-format tal-informazzjoni pprovduta jew m’estensjoni tad-data ta’ skadenza għas-sottomissjoni tan-notifika li tindika jekk talba tkunx milqugħa jew le mill-Aġenzija u d-deċiżjoni oriġinali tkun ikkonfermata, l-applikant irid jingħata spjegazzjoni għaliex l-ilment tiegħu/tagħha ma jistax jiġi indirizzat fil-pożittiv. Applikant jista’ wkoll jagħmel użu mill-Proċedura t’Ilmenti Interna biex jirrapporta nuqqas li jiġu rrispettati d-dati ta’ skadenza jew li jintbagħtu n-notifiki. F’dawk il-każijiet fejn it-talba għall-informazzjoni tista’ tintlaqa’ iżda ma tiġix ipproċessata fl-iskadenzi speċifikati mill-Att, l-uffiċjal responsabbli għandu jirrinunzja milli jitlob kwalunkwe miżata applikabbli għas-sottomissjoni t’informazzjoni.
Dettalji ta’ Kuntatt tal-Awtorità Pubblika
Indirizz:
Aġenzija Komunità Malta
Dar il-Mediterran għall-Konferenzi,
Triq l-Isptar l-Antik, Il-Belt Valletta, Malta. VLT 1645
T: + 356 2122 5232 E: [email protected]
Komunikazzjonijiet barra l-ħinijiet tal-ftuħ jiġu mwieġba matul il-ġurnata/ġranet xogħol sussegwenti.
Informazzjoni oħra
Ċekkijiet iridu jiġu indirizzati lil:
Aġenzija Komunità Malta
Ħinijiet tal-Ftuħ (Għoti taċ-Ċittadinanza għal Servizzi Eċċezzjonali):
Mit-Tnejn sal-Ġimgħa, 08:00 – 15:00
Ħinijiet tal-Ftuħ (Ċittadinanza):
Mit-Tnejn sal-Ġimgħa, 08:00 – 15:00
Kull nhar t’Erbgħa, magħlquin